L-Ewwel Ittra lit-Tessalonikin 5:1-28

  • Il-jum taʼ Ġeħova (1-5)

    • “Paċi u sigurtà!” (3)

  • Ibqgħu mqajmin u f’sensikom (6-11)

  • Jingħataw pariri (12-24)

  • Tislijiet (25-28)

5  Issa, aħwa, intom m’għandkom bżonn lil ħadd jiktbilkom dwar iż-żmien magħżul minn Alla.*  Għax intom tafu tajjeb li jum Ġeħova* ġej eżatt bħal ħalliel billejl.  Meta jkunu qed jgħidu: “Paċi u sigurtà!” imbagħad tiġi fuqhom qerda f’daqqa, bħall-uġigħ tal-ħlas fuq mara tqila, u żgur ma jeħilsuhiex.  Imma intom, aħwa, m’intomx fid-dlam, għalhekk dan il-jum mhux se jiġi fuqkom għal għarrieda bħalma jiġi fuq il-ħallelin,  għax intom kollha tfal tad-dawl u tfal tal-jum. Aħna la aħna tal-lejl u lanqas tad-dlam.  Għalhekk, ħa ma nibqgħux reqdin bħalma jagħmlu l-oħrajn, imma ħa nibqgħu mqajmin u f’sensina.  Għax dawk li jorqdu jagħmlu dan billejl, u dawk li jiskru jagħmlu dan billejl.  Imma aħna li aħna tal-jum, ħa nibqgħu f’sensina, nilbsu l-kurazza tal-fidi u l-imħabba, u nilbsu l-elmu li hu t-tama tas-salvazzjoni,  għax Alla m’għażilniex biex jikkastigana, imma biex niġu salvati permezz taʼ dak li għamel il-Mulej tagħna Ġesù Kristu. 10  Hu miet għalina, biex kemm jekk nibqgħu mqajmin u kemm jekk inkunu reqdin,* inkunu nistgħu ngħixu flimkien miegħu. 11  Għalhekk, ibqgħu inkuraġġixxu* lil xulxin u saħħu lil xulxin, bħalma fil-fatt qed tagħmlu. 12  Aħwa, issa nitolbukom biex tirrispettaw lil dawk li qed jaħdmu iebes fostkom, li qed jiggwidawkom fix-xogħol tal-Mulej, u li qed iwissukom. 13  Uruhom iktar qalb tajba u ħobbuhom għax-xogħol li jagħmlu. Żommu l-paċi bejnietkom. 14  Mill-banda l-oħra, inħeġġukom biex twissu lil min ma jimxix bl-ordni,* tikkonslaw lid-dipressi,* tappoġġaw lid-dgħajfin, u tkunu paċenzjużi maʼ kulħadd. 15  Araw li ħadd minnkom ma jpatti ħsara bi ħsara lil ħaddieħor, imma dejjem agħmlu dak li hu tajjeb għal xulxin u għal kulħadd. 16  Ifirħu dejjem. 17  Itolbu bla ma tieqfu. 18  Irringrazzjaw lil Alla għal kollox. Dan hu dak li jrid Alla minnkom bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù. 19  Twaqqfux l-ispirtu qaddis milli jaħdem fikom.* 20  Tmaqdrux il-profeziji. 21  Eżaminaw kull ħaġa biex taraw jekk hix vera; dejjem agħmlu dak li hu tajjeb. 22  Irrifjutaw kull tip taʼ ħażen. 23  Jalla l-Alla tal-paċi jqaddiskom kompletament. U jalla l-ispirtu, ir-ruħ,* u l-ġisem tagħkom, aħwa, ikunu tajbin f’kull mod u jinżammu bla ħtija għal meta jerġaʼ jiġi l-Mulej tagħna Ġesù Kristu. 24  Dak li qed jagħżilkom hu leali, u żgur li se jagħmel dawn l-affarijiet. 25  Aħwa, komplu itolbu għalina. 26  Ilqgħu lill-aħwa kollha bi mħabba.* 27  F’isem il-Mulej, qed nagħtikom din ir-responsabbiltà serja biex din l-ittra tinqara lill-aħwa kollha. 28  Jalla l-Mulej tagħna Ġesù Kristu jurikom qalb tajba kbira.

Noti taʼ taħt

Jew “iż-żminijiet u l-istaġuni.”
Jew “reqdin fil-mewt.”
Jew “farrġu.”
Jista’ jirreferi għal min ma jgħixx skont il-prinċipji t’Alla.
Jew “lil dawk li huma skuraġġiti.”
Letteralment “Titfux in-nar tal-ispirtu.”
Jew “il-ħajja.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Ruħ.”
Letteralment “b’bewsa qaddisa.”