L-Ewwel Ktieb tas-Slaten 12:1-33
12 Reħobogħam mar Sikem, għax Iżrael kollu kien mar hemm biex jagħmlu re.
2 U Ġerobogħam bin Nebat semaʼ b’dan (hu kien għadu qed jgħix l-Eġittu għax kien ħarab minħabba r-Re Salamun).
3 Il-poplu bagħat għal Ġerobogħam, imbagħad hu u l-kongregazzjoni kollha t’Iżrael marru għand Reħobogħam u qalulu:
4 “Missierek taqqal il-madmad tagħna. Imma jekk int tħaffef ix-xogħol iebes li qabbadna missierek u l-madmad tqil* li qiegħed fuqna, aħna naqduk.”
5 Għal dan hu qalilhom: “Morru u erġgħu ejjew għandi tlett ijiem oħra.” Għalhekk in-nies telqu.
6 Ir-Re Reħobogħam mar jieħu parir mingħand l-irġiel kbar fl-età* li kienu qdew lil missieru Salamun waqt li kien għadu ħaj, u qalilhom: “Agħtuni parir dwar kif inwieġeb lil dawn in-nies.”
7 Huma wiġbuh: “Jekk illum issir qaddej taʼ dawn in-nies u tilqaʼ t-talba tagħhom u twiġibhom bil-kelma t-tajba, huma jkunu dejjem il-qaddejja tiegħek.”
8 Madankollu, hu injora l-parir li kienu tawh l-irġiel kbar fl-età,* u mar jieħu parir mingħand iż-żgħażagħ li trabbew miegħu u li kienu qed jaqduh.
9 Hu qalilhom: “Agħtuni parir dwar kif inwieġbu lin-nies li qaluli biex inħaffef il-madmad li missieri qiegħed fuqhom.”
10 Iż-żgħażagħ li kienu trabbew miegħu qalulu: “Lin-nies li qalulek biex tħaffef il-madmad tqil taʼ missierek għidilhom hekk: ‘Is-subaʼ ż-żgħir tiegħi se jkun eħxen minn ġenbejn missieri.
11 Missieri għabba fuqkom madmad tqil, imma jien se nżid mal-madmad tagħkom. Missieri kkastigakom bil-frosti, imma jien se nikkastigakom bil-frosti bil-ponot.’”
12 Ġerobogħam u n-nies kollha marru għand Reħobogħam fit-tielet jum, peress li kien qalilhom: “Erġgħu ejjew għandi fit-tielet jum.”
13 Imma r-re wieġeb lin-nies bl-aħrax u b’hekk injora l-parir li kienu tawh l-irġiel kbar fl-età.*
14 Hu kellimhom skont il-parir taż-żgħażagħ, u qalilhom: “Missieri taqqal il-madmad tagħkom, imma jien se nżid miegħu. Missieri kkastigakom bil-frosti, imma jien se nikkastigakom bil-frosti bil-ponot.”
15 Għalhekk, ir-re ma semax min-nies għax dan kien minn Ġeħova, sabiex isir dak li qal Ġeħova lil Ġerobogħam bin Nebat permezz t’Aħija s-Siloni.
16 Meta l-Iżraelin raw li r-re ma riedx jismaʼ minnhom, huma wiġbuh: “X’sehem għandna maʼ David? Aħna m’għandniex wirt maʼ bin Ġesse, mela ħa mmorru lejn allatna, Iżrael. Issa aħseb għal darek int David!” U l-Iżraelin marru lura lejn djarhom.*
17 Imma Reħobogħam baqaʼ jmexxi fuq l-Iżraelin li kienu jgħixu fil-bliet taʼ Ġuda.
18 Imbagħad ir-Re Reħobogħam bagħat b’inkarigu lil Adoram, li kien fuq dawk li kkmanda biex jaħdmu għalih, imma Iżrael kollu waddablu l-ġebel sakemm miet. Ir-Re Reħobogħam irnexxielu jitlaʼ fuq il-karru biex jaħrab lejn Ġerusalemm.
19 U l-Iżraelin komplew jirribellaw kontra d-dar taʼ David sal-lum.
20 Malli Iżrael kollu semaʼ li Ġerobogħam kien mar lura, huma nġabru flimkien, għajtulu, u għamluh re fuq Iżrael kollu. Ħadd ma segwa lid-dar taʼ David ħlief it-tribù taʼ Ġuda.
21 Meta Reħobogħam bin Salamun wasal Ġerusalemm, hu fil-pront laqqaʼ d-dar kollha taʼ Ġuda u t-tribù taʼ Benjamin, 180,000 gwerrier ittrennjat,* biex jiġġieldu kontra d-dar t’Iżrael, sabiex jieħu lura s-saltna.
22 Imbagħad l-Alla l-veru qal lil Semajja, il-qaddej tal-Alla l-veru:
23 “Għid lil Reħobogħam bin Salamun ir-re taʼ Ġuda, lid-dar kollha taʼ Ġuda u Benjamin, u l-bqija tal-poplu
24 li Ġeħova jgħid: ‘Titilgħux tiġġieldu kontra ħutkom l-Iżraelin. Kull wieħed minnkom għandu jmur lura lejn daru, għax jien ġegħeltu jiġri dan.’” Għalhekk, huma obdew il-kelma taʼ Ġeħova u marru lura d-dar, bħalma qalilhom Ġeħova.
25 Imbagħad Ġerobogħam bena* Sikem fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm u għex hemm. Wara telaq minn hemm u bena* Penwel.
26 Ġerobogħam qal f’qalbu: “Issa s-saltna terġaʼ lura għand id-dar taʼ David.
27 Jekk dan il-poplu jibqaʼ jmur joffri sagrifiċċji fid-dar taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm, qalb dan il-poplu terġaʼ lura lejn sidhom ir-Re Reħobogħam taʼ Ġuda. Imbagħad lili joqtluni u jerġgħu lura għandu.”
28 Wara li r-re ħa parir, hu għamel żewġ barrin żgħar* tad-deheb u qal lill-poplu: “Il-vjaġġ lejn Ġerusalemm ħa jkun wisq għalikom! Iżrael, hawn hu l-Alla tagħkom li ħariġkom mill-art tal-Eġittu.”
29 Imbagħad poġġa wieħed f’Betel u l-ieħor f’Dan.
30 Minħabba f’hekk, in-nies dinbu u marru ’l bogħod sa Dan biex iqimu l-barri żgħir* t’hemm.
31 Hu għamel djar biex iqimu l-allat f’postijiet fl-għoli u inkariga qassisin minn fost il-poplu kollu, li ma kinux Leviti.
32 Ukoll, Ġerobogħam għamel festa fil-15 tat-tmien xahar, bħall-festa li ssir f’Ġuda. Hu offra sagrifiċċji lill-barrin żgħar* li kien għamel fuq l-artal li bena f’Betel, u hemm inkariga qassisin għall-postijiet tal-qima falza li bena.
33 U beda jagħmel offerti fuq l-artal li bena f’Betel fil-15 tat-tmien xahar, ix-xahar li għażel hu stess. Hu għamel festa għall-poplu t’Iżrael u mar ħdejn l-artal biex jagħmel l-offerti u joffri d-duħħan tas-sagrifiċċji.
Noti taʼ taħt
^ Jew “taʼ moħqrija.”
^ Jew “l-anzjani.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “l-anzjani.”
^ Jew “l-anzjani.”
^ Letteralment “it-tined tagħhom.”
^ Letteralment “magħżul.”
^ Jew “saħħaħ.”
^ Jew “saħħaħ.”
^ Jew “għoġġiela.”
^ Jew “għoġol.”
^ Jew “lill-għoġġiela.”