L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel 1:1-28

  • Elkana u n-nisa tiegħu (1-8)

  • Ħanna titlob li jkollha tifel (9-18)

  • Jitwieled Samwel u jingħata lil Ġeħova (19-28)

1  Issa kien hemm raġel Efrajmi li kien jgħix Ramatajm-sofim* fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm. Dan kien Elkana bin Ġeroħam, bin Eliħu, bin Toħu, bin Suf.  Hu kellu żewġ nisa. Waħda kien jisimha Ħanna u l-oħra Peninna. Peninna kellha t-tfal, imma Ħanna ma kellhiex.  Kull sena, dan ir-raġel kien jitlaq minn beltu u jmur Silo biex iqim* u joffri sagrifiċċju lil Ġeħova tal-armati. Hemmhekk kien hemm iż-żewġt itfal t’Għeli, Ħofni u Fineħas, jaqdu bħala qassisin taʼ Ġeħova.  Darba minnhom meta Elkana offra s-sagrifiċċju, hu ta porzjonijiet lil martu Peninna kif ukoll lit-tfal tagħha subien u bniet kollha,  imma lil Ħanna taha porzjon speċjali għax lilha kien iħobb. Imma Ġeħova ma kienx taha tfal.*  Iktar minn hekk, il-mara l-oħra kienet il-ħin kollu taqbad magħha biex tweġġagħha għax Ġeħova ma kienx taha tfal.  Hekk kienet tagħmlilha sena wara l-oħra. Kull darba li Ħanna kienet titlaʼ fid-dar taʼ Ġeħova, il-mara l-oħra tant kienet taqbad magħha li kienet tibki u ma tikolx.  Imma żewġha Elkana qalilha: “Ħanna, għala qed tibki u m’intix tiekol, u għala int daqshekk imdejqa? M’iniex jien aħjar minn għaxart itfal għalik?”  Imbagħad wara li kienu kielu u xorbu f’Silo, Ħanna telqet minn fejn kienet. F’dak iż-żmien, Għeli l-qassis kien joqgħod fuq is-siġġu ħdejn il-koxxa tal-bieb tat-tempju* taʼ Ġeħova. 10  Ħanna kienet iddisprata ħafna,* u bdiet titlob lil Ġeħova u tibki kemm tiflaħ. 11  U għamlet din il-wegħda: “Jekk jogħġbok Ġeħova tal-armati, ara d-dwejjaq kbar tiegħi u ftakar fija. Jekk ma tinsinix u tagħtini tifel, jien nagħtih lilek Ġeħova l-jiem kollha taʼ ħajtu, u xagħru ma jinqatax.” 12  Waqt li hi talbet fit-tul quddiem Ġeħova, Għeli qagħad iħares lejha. 13  Ħanna kienet qed titkellem f’qalbha, xofftejha biss kienu qed jiċċaqalqu u leħinha ma kienx jinstemaʼ. Allura Għeli ħaseb li kienet fis-sakra. 14  Għeli qalilha: “Kemm se ddum fis-sakra? Tibqax tixrob inbid.” 15  Ħanna wieġbet: “Le, sidi! Jien għandi stress kbir.* Ma xrobtx inbid jew xorb alkoħoliku ieħor, imma qed niftaħ qalbi maʼ Ġeħova. 16  Tqisx lill-qaddejja tiegħek bħala mara li mhi tajba għal xejn, għax jien s’issa tkellimt minħabba t-tbatija u d-dwejjaq kbar tiegħi.” 17  Imbagħad Għeli wieġeb: “Mur fil-paċi, u jalla l-Alla t’Iżrael jagħtik dak li tlabtu.” 18  Hi wieġbet: “Jalla l-qaddejja tiegħek issib il-ħniena f’għajnejk.” U hi marret għal triqitha, kielet, u ma baqgħetx imdejqa. 19  Imbagħad il-familja qamu kmieni filgħodu u mielu quddiem Ġeħova, u wara dan marru lura lejn darhom f’Rama. Elkana kellu relazzjonijiet sesswali maʼ martu Ħanna, u Ġeħova ftakar fiha. 20  Fi żmien sena,* Ħanna ħarġet tqila u welldet iben u semmietu Samwel,* għax qalet, “mingħand Ġeħova tlabtu.” 21  Maż-żmien, Elkana telaʼ man-nies kollha taʼ daru biex joffri lil Ġeħova s-sagrifiċċju taʼ kull sena u biex jippreżenta l-offerta tal-wegħda li għamel. 22  Imma Ħanna ma telgħetx, għax qalet lil żewġha: “Le, mhux se nitlaʼ għalissa. Malli t-tifel jaqtaʼ l-ħalib, nieħdu quddiem Ġeħova u jibqaʼ hemmhekk.” 23  U żewġha Elkana qalilha: “Agħmel dak li taħseb li hu l-aħjar.* Oqgħod id-dar sakemm jaqtaʼ l-ħalib. Jalla Ġeħova jagħmel ċert li dak li għedt isir.” Għalhekk, il-mara qagħdet id-dar u baqgħet treddaʼ lil binha sakemm qataʼ l-ħalib. 24  Malli qataʼ l-ħalib, hi ħaditu fid-dar taʼ Ġeħova f’Silo, flimkien maʼ barri taʼ tliet snin, efa* dqiq, u ġarra kbira nbid. 25  Imbagħad inqatel il-barri, u t-tifel ittieħed għand Għeli. 26  U qaltlu: “Sidi, naħliflek li* jien dik li kont miegħek f’dan il-post biex nitlob lil Ġeħova. 27  Kien għal dan it-tifel li tlabt, u Ġeħova tani dak li tlabtu. 28  U jien issa se nagħtih* lil Ġeħova. Għax il-jiem kollha taʼ ħajtu, ikun taʼ Ġeħova.” U hu* miel hemmhekk quddiem Ġeħova.

Noti taʼ taħt

Jew “Rama.”
Jew “imil quddiem.”
Letteralment “għalqilha ġufha.”
Jiġifieri t-tabernaklu.
Jew “ruħha kienet mimlija mrar.”
Jew “mara mnikkta fl-ispirtu.”
Jew forsi “Meta kien il-waqt.”
Ifisser “Isem Alla.”
Letteralment “dak li hu tajjeb f’għajnejk.”
Madwar 22 litru. Ara App. B14.
Jew “daqskemm hi ħajja ruħek.”
Letteralment “nisilfu.”
Milli jidher Elkana.