Ġenesi 3:1-24

  • Kif daħal id-dnub tal-bnedmin (1-13)

    • L-ewwel gidba (4, 5)

  • Il-ġudizzju taʼ Ġeħova fuq ir-ribelli (14-24)

    • Jitbassar id-dixxendent tal-mara (15)

    • It-tkeċċija mill-Għeden (23, 24)

3  Issa s-serp kien l-iktar wieħed attent* mill-annimali slavaġ kollha li kien għamel Alla Ġeħova. Għalhekk qal lill-mara: “Veru li Alla qalilkom li ma tistgħux tieklu minn kull siġra tal-ġnien?”  U l-mara qalet lis-serp: “Nistgħu nieklu mill-frott tas-siġar tal-ġnien,  imma dwar il-frott tas-siġra li qiegħda f’nofs il-ġnien, Alla qalilna, ‘Ma tistgħux tieklu minnu, le, ma tistgħux tmissuh; inkella tmutu.’”  Għal dan is-serp qal lill-mara: “Żgur li ma tmutux.  Għax Alla jaf li fil-jum li tieklu minnu, għajnejkom jinfetħu u tkunu bħal Alla, tafu t-tajjeb u l-ħażin.”  Minħabba f’hekk, il-mara rat li l-frott tas-siġra kien tajjeb għall-ikel u li kien jiġbed l-għajn, iva, il-frott tas-siġra kien ipaxxi l-għajn.* Għalhekk, hi ħadet mill-frott u kilitu. Wara dan, hi tat ukoll lil żewġha meta kien magħha u beda jieklu.  Imbagħad it-tnejn li huma nfetħulhom għajnejhom, u rrealizzaw li kienu għarwenin. B’hekk, ħietu weraq tat-tin flimkien biex jgħattu madwar ġenbejhom.  Iktar tard, semgħu leħen Alla Ġeħova waqt li kien miexi fil-ġnien fil-ħin tal-jum meta tkun għaddejja ż-żiffa, u r-raġel u martu nħbew minn wiċċ Alla Ġeħova qalb is-siġar tal-ġnien.  U Alla Ġeħova baqaʼ jgħajjat lir-raġel u jgħidlu: “Fejn int?” 10  Fl-aħħar wieġbu: “Smajt leħnek fil-ġnien, imma bżajt għax kont għarwien, u għalhekk inħbejt.” 11  Għal dan qallu: “Min qallek li kont għarwien? Jaqaw kilt mill-frott tas-siġra li kkmandajtek biex ma tikolx minnu?” 12  Ir-raġel qallu: “Il-mara li tajtni biex tkun miegħi tatni l-frott mis-siġra, allura kiltu.” 13  Imbagħad Alla Ġeħova qal lill-mara: “X’għamilt?” Il-mara wieġbet: “Is-serp qarraq bija, allura kilt.” 14  Għalhekk, Alla Ġeħova qal lis-serp: “Talli għamilt dan, int misħut fost l-annimali mansi kollha u fost l-annimali slavaġ kollha. Fuq żaqqek titkaxkar u tiekol it-trab il-jiem kollha taʼ ħajtek. 15  U nqanqal mibegħda* bejnek u bejn il-mara u bejn id-dixxendenti tiegħek* u d-dixxendent tagħha.* Hu jgħaffiġlek* rasek u int tweġġgħu* f’għarqubu.” 16  Lill-mara qalilha: “Se nżidlek ħafna l-uġigħ tat-tqala; bl-uġigħ se twelled lit-tfal tiegħek, u xewqtek tkun għal żewġek, u hu jiddominak.” 17  U lil Adam* qallu: “Talli smajt minn kliem martek u kilt mill-frott tas-siġra li dwaru tajtek il-kmand, ‘Ma tistax tiekol minnu,’ misħuta tkun l-art minħabba fik. Ikollok titħabat biex* tiekol il-prodott tagħha matul il-jiem kollha taʼ ħajtek. 18  Xewk u għollieq tnibbitlek, u int tiekol il-ħaxix tagħha. 19  Bl-għaraq u bit-tbatija tiekol ħobżok* sakemm terġaʼ lura lejn l-art, għax minnha kont meħud. Għax trab int u trab terġaʼ ssir.” 20  Wara dan, Adam semma lil martu Eva,* għax kienet se ssir omm il-ħajjin kollha. 21  U Alla Ġeħova għamel ilbiesi twal mill-ġilda tal-annimali għal Adam u għal martu biex ilibbishom. 22  Imbagħad Alla Ġeħova qal: “Il-bniedem sar bħal wieħed minna jaf it-tajjeb u l-ħażin. Issa se jkolli nagħmel xi ħaġa biex ma jiħux ukoll il-frott mis-siġra tal-ħajja u jiekol u jgħix għal dejjem.”* 23  Għalhekk, Alla Ġeħova keċċieh mill-ġnien tal-Għeden biex jikkultiva l-art li kien meħud minnha. 24  B’hekk, keċċa lill-bniedem ’il barra, u fil-Lvant tal-ġnien tal-Għeden qiegħed il-kerubini u x-xafra taqbad taʼ xabla li kienet iddur kontinwament biex jgħassu t-triq lejn is-siġra tal-ħajja.

Noti taʼ taħt

Jew “li jilħaqlu; brikkun.”
Jew forsi “taʼ min jixtiequ biex wieħed jikseb l-għerf.”
Jew “għadwa.”
Jew “nislek; dawk li se jiġu minnek.”
Jew “nisilha (id-dixxendenti tagħha).”
Jew “ibenġillek; iweġġagħlek.”
Jew “tbenġlu; tgħaffġu.”
Ifisser “Raġel; Umanità; Bnedmin.”
Jew “Bl-uġigħ.”
Jew “l-ikel.”
Ifisser “Waħda Ħajja.”
Jew “żmien indefinit.”